Min Aħna
Il-Kunsill għal-Lingwa tas-Sinjali Maltija huwa l-entità nazzjonali responsabbli tal-promozzjoni, protezzjoni u żvilupp tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM) bħala parti essenzjali mill-wirt lingwistiku u kulturali ta’ Malta.
Il-Kunsill twaqqaf skont l-Att dwar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija (Kap. 556) wara li l-Parlament ta’ Malta approva l-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħala lingwa uffiċjali ta’ Malta fis-16 ta’ Marzu 2016, li jirrifletti l-impenn tal-pajjiż li jagħraf u jappoġġja d-drittijiet tal-persuni neqsin mis-smigħ. Il-Kunsill jaġixxi bħala entità konsultattiva u regolatorja, li tiżgura li dawn id-drittijiet jiġu rispettati u promossi.
Il-Kunsill huwa magħmul minn individwi li għandhom għarfien profond jew esperjenza fil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, inkluż rappreżentanti mill-komunità tal-persuni neqsin mis-smigħ, li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-istatus ta’ din il-lingwa u jippromwovu l-użu tagħha f’kull qasam tas-soċjetà Maltija.
X’nagħmlu
Il-Kunsill għal-Lingwa tas-Sinjali Maltija jaħdem biex jiżgura li l-Lingwa tas-Sinjali Maltija tkun protetta, standardizzata u promossa f’kull settur tal-ħajja. L-oqsma ewlenin tax-xogħol tagħna jinkludu:
- Żvilupp tal-Lingwa: Appoġġ għall-ħolqien u l-użu ta’ riżorsi bil-LSM, bħall-vidjows edukattivi u ta’ referenza, biex jippromwovu l-konsistenza u jinkoraġġixxu l-użu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.
- Edukazzjoni u Għarfien: Promozzjoni u għarfien fis-soċjetà dwar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija u l-kultura tal-persuni neqsin mis-smigħ’.
- Politika u Pariri: Pariri lill-entitajiet u istituzzjonijiet tal-gvern dwar kwistjonijiet relatati mal-LSM u l-aċċessibbiltà.
- Rikonoxximent u Użu: Inkoraġġiment tal-użu tal-LSM fl-edukazzjoni, fil-midja u fis-servizzi pubbliċi biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali għall-persuni neqsin mis-smigħ.
- Kollaborazzjoni: Ħidma ma’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali biex jinqasmu l-aħjar prattiki u biex jitjieb l-istatus tal-lingwi tas-sinjali madwar id-dinja.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Kunsill jaħdem biex jagħmel lil Malta u lil Għawdex post aktar inklussiv, fejn il-Lingwa tas-Sinjali Maltija tkun rispettata, apprezzata u użata flimkien mal-Malti u l-Ingliż fil-ħajja ta’ kuljum.
Dwar il-Lingwa tas-Sinjali Maltija
Il-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM) hija l-lingwa naturali tal-komunità tal-persuni neqsin mis-smigħ f’Malta. Hija lingwa sħiħa, bil-grammatika, struttura u vokabolarju tagħha, distinta mil-lingwi mitkellma tal-Malti u tal-Ingliż.
Il-LSM tintuża kuljum minn mijiet ta’ persuni madwar Malta u Għawdex għall-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-espressjoni kulturali. Ir-rikonoxximent tal-LSM bħala lingwa uffiċjali fl-2016 kien pass storiku biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-persuni neqsin mis-smigħ u biex tiġi promossa d-diversità lingwistika f’Malta.
Il-Kunsill għal-Lingwa tas-Sinjali Maltija jaħdem biex jippromwovi u jinkoraġġixxi l-użu tal-LSM fl-iskejjel, fil-midja, fis-servizzi pubbliċi u fil-komunità b’mod ġenerali, biex il-LSM tkun viżibbli, aċċessibbli, u mifhuma minn minn aktar nies.


